Fil-Partit Nazzjonalista teżisti rabja kbira għall-Viċi-Kap Mario De Marco.
Dan minħabba l-wirja xejn tajba fil-programm Dissett ilbieraħ. Huwa minnu li De Marco deher jieħu kontroll tal-programm għax kważi tkellem hu biss, iżda l-mod kif il-preżentatur ma tħalliex ifendi waħda għal darb’oħra kompla jikkonferma kemm De Marco għandu x’jaħbi. Dan b’rabta max-xogħol minn persuna involuta f’Panama Papers li ma ħallasx għalih.
L-istrateġisti tal-Partit Nazzjonalista kienu ilhom żmien itellgħu u jniżżlu jekk De Marco għandux jintbagħat. Iżda fl-aħħar qalu li ma jistgħux jevitawha.
Pero jinsabu diżappuntanti kif De Marco, għal ħafna meqjus moderat, spiċċa jkun hu wkoll agressiv. Għal ħafna ħin deher aġitat u nervuż speċjalment meta mistoqsi jekk kienx ħallas ‘deposit’, xi ħaġa naturali f’xogħol bħla dak li sar fuq id-dar tiegħu b’valur ta’ €34,000.
Wara l-gidba ta’ Simon Busuttil biex jiddefendih, issa qed ikompli joħroġ iktar biċ-ċar kemm dan l-iskandlu qabdu fuq sieq waħda. Magħruf għal kif jistaqsi l-mistoqsijiet bla kantunieri lil kulħadd il-preżentatur Reno Bugeja wkoll deher iddiżapuntant tant li spiċċa jilmenta kif m’għamilx mistoqsijiet.
Imkejjen fil-PN isostnu magħna li minn dan kollu De Marco mar l-agħar. “Nattakawh kemm nattakawh Reno Bugeja kredibbli u kulħadd jaf li bla kantunieri ma’ kulħadd, għalhekk iktar deher ikrah De Marco,” qalilna sors mill-Ħamrun li rridu ngħidu li ma’ De Marco ma jarax għajn m’għajn. Kompla jiżvelalna kif issa l-pjan hu li lil De Marco jibagħtuh x’imkien ieħor fejn ikun qed jilgħab iktar ‘home’ u fi kliem ieħor “jinġabar.” Għalkemm oħrajn qed jgħidu li jaf mhijiex idea tajba għax l-ewwel dehra dwar il-każ fuq TVM tat raġun lil Simon Mercieca (awtur tar-rapport tat-telfa tal-PN) li qal lil Simon Busuttil biex jitfgħu l-barra.