Il-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali għamlu referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet mogħtija mix-Shadow Ministers Janice Abela Chetcuti u Darren Carabott.
Intqal li hu ironiku kif il-Partit Nazzjonalista waqt li jiftaħar li fetaħ sptar tal-annimali mkien ma jsemmi li dan kien operat mill-privat. Fix-xhur li għaddew kien evidenti li l-operatur privat ma kienx qed jirnexxielu jopera dan l-isptar, skont il-kundizzjonijiet taċ-ċens b’detriment ta’ min jiġi bżonn is-servizzi. Kien hawn li l-Gvern ried joffri soluzzjoni fattwali għall-kwistjoni.
Il-Ministeri fakkru li għaddej proċess biex l-istudenti tal-kors tal-veterinarji, li għall-ewwel darba qed isir f’pajjiżna, jibdew jitħarrġu fil-post. Minbarra hekk żiedu jfakkru li l-liġi tobbliga li lill-istabbilimenti veterinarji kollha biex jipprovdu jew ikunu parti minn servizz ta’ emerġenza 24 siegħa kuljum.