Ir-rata tat-turisti li żaru pajjiżna f’Ġunju li għadda hija kważi 88% tal-għadd tat-turisti li ġew fl-istess xahar tal-2019, jiġifieri qabel il-pandemija.
Ċifri ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, juru li f’Ġunju tal-2019 ġew 280,522 viżitatur meta mqabbel ma’ 247,408 li żaru pajjiżna f’Ġunju li għadda.
TURISTI F’PAJJIŻNA
ĠUNJU 2022 – 247,408
ĠUNJU 2019 – 280,522ĠUNJU 2022
87.7% TAT-TURISTI LI ĠEW QABEL IL-PANDEMIJA
Dan it-turiżmu injetta total ta’ 216-il miljun ewro fl-ekonomija Maltija, bil-medja ta’ nfiq għal kull lejl għal kull persuna jkun ta’ €136.90.
Kważi €83 miljun ntefqu fuq, fost l-oħrajn, xiri ta’ suvenirs, u fuq eskursjonijiet u avvenimenti waqt il-btajjel.
Il-maġġoranza assoluta tat-turisti li żaru pajjiżna matul Ġunju kienu għall-btajjel, filwaqt li ftit inqas minn 17,000 persuna ġew għal skopijiet ta’ xogħol.
Jekk wieħed iħares lejn l-etajiet tat-turisti, pajjiżna attira l-aktar persuni li għandhom bejn il-25 u l-44 sena, b’aktar minn terz tat-turisti jaqgħu f’din il-kategorija ta’ età.
L-ETÀ TAT-TURISTI F’PAJJIŻNA
Sa 24 sena – 47,972
25 – 44 sena – 105,712
45 – 64 sena – 67,409
65+ sena – 22,863
Kwazi mitt elf turist għażlu li jqattgħu sebat iljieli jew aktar f’Malta. Il-medja tat-total ta’ turisti għamlu hawnhekk sitt iljieli u nofs.
ILJIELI F’PAJJIŻNA
1 – 3 ILJIELI 61,805
4 – 6 ILJIELI 82,311
7 ILJIELI JEW AKTAR 99,839
Il-maġġoranza assoluta ta’ dawn it-turisti żaru l-gżejjer Maltin għall-ewwel darba.
Mill-istatistika jirriżulta li pajjiżna baqa’ l-aktar popolari fost turisti mir-Renju Unit, bi ftit aktar minn 48,000. Wara jiġu t-turisti mill-Italja, minn Franza, u mill-Ġermanja.
MINN FEJN ĠEW IT-TURISTI F’PAJJIŻNA
MIR-RENJU UNIT 48,682
MILL-ITALJA 41,250
MINN FRANZA 26,152
MILL-ĠERMANJA 20,507
Il-maġġoranza assoluta tat-turisti żaru Malta bl-ajru filwaqt li dawk li ġew permezz tal-vapuri laħqu 3,400.