L-irkupru mill-pandemija fis-settur turistiku kompla jkun wieħed b’saħħtu. Fil-fatt, minn Jannar sa Ottubru ta’ din is-sena kienu ġew iżjed minn żewġ miljun turist.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li minnhom jirriżulta li iżjed minn 43,000 turist minn dawn iż-żewġ miljuni ġew bil-vapuri.
Dawn iċ-ċifri ta’ bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena jisbqu sew in-numru ta’ turisti li kien hemm fl-istess perjodu kemm fl-2020 kif ukoll fl-2021.
Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, dawk li ġew f’pajjiżna għal btala kienu jgħoddu għal aktar minn miljun u tmien mitt elf, waqt li dawk li ġew f’Malta fuq xogħol kienu aktar minn 115,000.
F’dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ li l-akbar swieq għat-turiżmu f’pajjiżna, f’dan il-perjodu msemmi kienu r-Renju Unit, l-Italja, u Franza.
Miċ-ċifri tal-NSO jirriżulta li fl-ewwel għaxar xhur tas-sena, kważi miljun u nofs turist ġew f’pajjiżna għall-ewwel darba.
Ħareġ ukoll li, sa Ottubru ta’ din is-sena, il-medja ta’ ljieli li qattgħu t-turisti f’pajjiżna kien ta’ ftit iżjed minn sebat iljieli.
Barra minn dan, fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, in-nefqa totali tat-turisti f’Malta kienet madwar biljun u tmien mitt miljun ewro, li taqbeż sew in-nefqa li kien hemm fl-ewwel għaxar xhur tas-sentejn ta’ qabel, jiġifieri l-2020 u l-2021.