Il-ħidma tad-Dwana kontra s-sigaretti tal-kuntrabandu qed tħalli l-frott mixtieq hekk kif f’sena waħda biss pajjiżna rkupra erba’ miljun ewro aktar f’taxxi.
Dan seħħ wara li nqabdu eluf kbar ta’ sigaretti li ma ġiet imħallsa l-ebda taxxa fuqhom minn numru ta’ mħażen u stabbilimenti madwar Malta.
Rapport tal-KPMG bl-isem ta’ Project Stella wera kif il-konsum ta’ dawn it-tip ta’ sigaretti f’pajjiżna naqas bi kważi 4% meta mqabbel mas-sena 2017.
Intqal ukoll li għall-ewwel darba mill-2017 il-konsum tas-sigaretti tal-kuntrabandu naqas taħt l-10%.
Hawnhekk, ir-rapport innota li dan kien riżultat tal-ħidma sfieqa tad-Dwana u fis-servizzi tat-taxxa ta’ pajjiżna.
Ir-rapport innota wkoll kif is-suq tas-sigaretti tal-kuntrabandu qed jiswa lill-ekonomija Ewropea mal-għaxar biljun ewro fis-sena.
Hawnekk, huwa stmat li s-sena l-oħra pajjiżna tilef mat-12-il miljun ewro minħabba taxxi li ma ġewx imħallsa.
Is-sena l-oħra f’pajjiżna ġew ikkunsmati sitt mitt miljun sigarett b’mitt miljun minnhom kienu tal-kuntrabandu.
Il-maġġoranza tas-sigaretti llegali li jidħlu f’pajjiżna huma meqjusa bħala sigaretti foloz li huma mmanifatturati bil-għan li jiġu mibjugħa llegalment.
L-aktar bliet f’Malta li fihom ġew interċettati sigaretti tal-kuntrabandu kienu f’Ħaż-Żabbar, Ħal-Qormi, l-Mosta, Ta’ Sliema, Birkirkara, San Ġwann u n-Naxxar.
Il-maġġoranza ta’ sigaretti illegali li daħlu f’Malta ġew mill-Italja, l-Bulgarija u l-Libja.