Attività kulturali li ġġedded il-memorji tal-passat ta’ raħal żgħir fin-nofsinar ta’ Malta, Ħal Kirkop. Ħal Kirkop huwa raħal magħruf sew għal produzzjoni tal-IRKOTTA.
Għal seba’ snin konsekuttivi l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop organizza b’suċċess din l-attività li rnexxielha terġa’ tagħti l-ħajja xxogħol u l-artiġjanat li kienu jagħmlu missirijietna biex jaqilgħu l-għajxien tagħhom.
Il-Kunsill jemmen li bis-saħħa ta’ dawn l-attivitajiet kulturali, jista’ jfakkar il-passat ta’ din il-lokalita’ ċkejkna u kwieta lil min jiġi jżurha. Għalkemm Ħal Kirkop huwa żgħir fid-daqs, għandu ħafna x’joffri. Dan jixhdu l-motto tiegħu ‘Parva non Iners’ li jfisser ‘Żgħir imma mhux battal’.
Għal dan il-għan il-Kunsill Lokali, għat-tmien darba, ħaseb biex jaħdem aktar u jkabbar fuq dak li sar sal-lum. Bl-għajnuna tas-Segretarjat Parlamentari għall-Ġustizzja u l-Gvern Lokali u tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop jieħu ħsieb jorganizza din l-attività.
Attività li tittella’ wkoll bil-parteċipazzjoni tal-għaqdiet tal-lokal, li huma kollha għaqdiet volontarji u jieħdu ħsieb li juru x-xogħol li jagħmlu b’risq il-lokalità ta’ Ħal Kirkop.
Din is-sena l-Kunsill iħossu onorat ferm li din l-attività kisbet l-unur tal-emblema uffiċjali tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018, liema emblema ser iddaħħal din l-attività fil-portal tal-EYCH Malta Website u kif ukoll tal-EYCH Europe.
Esebizzjoni ta’ kif issir l-Irkotta bil-mod tradizzjonali: Din is-sena il-Kunsill Lokali ħadem bi sħiħ biex matul il-ġurnata wieħed ikun jista’ jara esebizzjoni ta’ kif kienet issir l-irkotta fil-passat. Persuna, li sal-lum għadha tagħmel l-irkotta, ser tkun qed turi l-mod tradizzjonali ta’ kif issir. Dawk preżenti ser ikunu jistgħu jduqu l-irkotta magħmula dak il-ħin.
Il-Kunsill Lokali Ħal Kirkop ser ikompli jimla’ din il-festa tal-irkotta b’varjeta ta’ spettaklu u divertiment, fosthom mużika tradizzjonali, talent lokali u żfin. Ma tonqosx sketch għallokkażżjoni mill-Kirkop Pageant Group. L-għannej Joe Dimech u l-ħbieb, Edward Cachia bilmandolina, Spagu Stilts, Vogue Dancers, Amy Zammit, Future Voices Choir, u diversi kantanti stabbiliti: Mike Spiteri, Michela Galea, Richard u Joe Micallef, Cheryl Balzan u l-band u Xarulu’ ser ikunu fost il-parteċipanti.
Din l-attività kulturali ser tiġi organizzata nhar il-Ħadd, 20 ta’ Mejju, 2018 mill-10.00am ‘il quddiem fi Triq San Beneditttu, Misraħ Ħal Kirkop u Misraħ San Leonardu. L-għan ta’ din l-attività huwa li titqajjem kuxjenza fuq it-tradizzjoni tal-produzzjoni tal-Irkotta bil-mod tradizzjonali f’kuntrast mal-mod kif issir illum. Żgur li hija attivita’ li wieħed ma jistax jitlifha!