Mit-Tnejn 15 ta’ Novembru sal-Ħadd 28 ta’ Novembru, se jsir irkant tal-arti online sabiex jinġabru fondi b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation.
Fi stqarrija, il-Fondazzjoni spjegat li l-pubbliku se jkollu l-opportunità jagħmel offerta, fuq artsauction.mt, għal madwar 70 biċċa xogħol tal-arti li jvarjaw fil-ġeneru u fit-tema u li jinkludu pitturi, skulturi, materjal stampat, u ritratti. Dawn ix-xogħlijiet ġew sottomessi minn ‘il fuq minn 50 artist li jew huma Maltin jew għandhom rabta ma’ Malta.
Hija qalet li l-għan ewlieni tagħha huwa li tipprovdi appoġġ finanzjarju, materjali u professjonali lill-membri vulnerabbli tas-soċjetà tagħna sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħhom. Is-servizzi li toffri l-Fondazzjoni jinkludu l-ħlas għal trattamenti kontra l-kanċer kif ukoll għal mediċini speċifiċi għall-kanċer, l-iffinanzjar ta’ residenzi għall-ġenituri ta’ tfal li jkunu qegħdin jirċievu trattament barra minn Malta, il-provvediment ta’ vouchers tal-ikel, u servizzi oħra essenzjali għal għajxien dinjituż u biex itaffu t-tbatija materjali u psikoloġika. L-ispiża tagħha għall-għajnuna finanzjarja tammonta għal madwar €1.4 miljun fix-xahar.
Il-Malta Community Chest Fund Foundation temmet tgħid li l-irkant tal-arti online qed jiġi organizzat minn kumitat apposta taħt it-tmexxija ta’ Melanie Erixon.