Il-Malta Motorsport Federation appellat biex il-proċess għall-bini ta’ Motorsports track ġdida jitħaffef kemm jista’ jkun. Dan wara li l-Gvern lesta l-fażi tas-sejħa għall-investituri li għaliha urew interess ħames investituri potenzjali.
Fi kliem il-president tal-Malta Motorsport Federation, Tonio Cini, frott din is-sejħa l-aspettativa tad-dilettanti tal-Motorsports qed tkompli tikber hekk kif il-ħames investituri kollha għandhom imsieħba magħhom disinjaturi li għamlu faċilitajiet simili ġewwa Abu Dhabi, Malasja u Russja fost oħrajn.
Cini spjega kif dan il-Gvern kien l-ewwel wieħed li ta widen lix-xewqa li kienet ilha tiġi mressqa quddiem amministrazzjonijiet preċedenti għal dawn l-aħħar ħamsin sena.
“Kienet l-ewwel darba fl-istorja li l-leħen tagħha wasal daqsekk fil-quċċata tal-livell politiku,” stqarr Cini.
Cini qal li faċilità ta’ din ix-xorta tkompli żżid il-popolarità ta’ pajjiżna fil-qasam tat-turiżmu filwaqt li tagħti post biex bosta Maltin ikabbru t-talent tagħhom. Dan anke minħabba l-fatt li pajjiżna diġa għandu persuni imħarrġa sew u li diġa rebħu titli internazzjonali f’dixxiplini ta’ din ix-xorta.
Cini esprima sodisfazzon għall-fatt li l-prim ministru Joseph Muscat semma din l-inizjattiva waqt sessjoni ta’ Gvern li jisma. Huwa b’dan f’moħħha li l-federazzjoni qed tappella lill-gvern biex jaġixxi kemm jista’ jkun malajr.