Kwart ta’ miljun persuna iffirmat petizzjoni biex ir-riżultat tal-Eurovision Song Contest jiġi rivedut. Fir-Russja qam kjass sħiħ wara li l-kanzunetta ta’ Sergey Lazarev spiċċat fit-tielet post minkejja li rebħet il-vot tal-pubbliku.
Il-petizzjoni li bdiet online minn ċittadin Armen qed tappella lil EBU (l-istituzzjoni li torganizza l-Eurovision) biex jirrevedu r-riżultat. Dan għaliex l-Ukrajna rebħet il-Eurovision wara li skont uħud il-voti tal-ġurija ġew manipulati biex ir-Russja ma tirbaħx.
Wara r-rebħa ta’ Jamala bil-kanzunetta ‘1944’ kienu għexirien il-kummenti li daħħlu u li sostnew li l-Ukrajna ġibdet is-simpatija wara t-tensjoni politika li teżisti bejn dan il-pajjiż u r-Russja.
L-Ukrajna filfatt ġiet fit-tieni post kemm fil-vot tal-ġurija u fil-vot tal-pubbliku iżda dan kien biżejjed biex tegħleb l-isfida tal-Awstalja u r-Russja li ġew fit-tieni u t-tielet post rispettivament.
Sadanittant diversi bliet fl-Ukrajna diġa wrew l-interess biex jospitaw il-Eurovision tas-sena d-dieħla. Apparti l-kapitali Kiev, daħlu fit-tellieqa bliet bħal Kharkiv, Odessa u Lviv.