Il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista jrid li Adrian Delia, minn jeddu, jirrikunsidra l-pożizzjoni tiegħu bħala kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap.
Dan wara li għamel tiegħu rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta’ Etika li ħatar nhar it-Tnejn. Il-kumitat qal li l-elezzjoni skedata għal Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista għandha tibqa’ għaddejja u ma jħossx li għandu jwaqqaf il-proċess elettorali.
Peró “Iqis li, in vista tar-riżultanzi ċari u serji tal-Kumitat ta’ Etika, ikun xieraq li Adrian Delia, minn jeddu, jirrikkunsidra l-pożizzjoni tiegħu bħala kandidat għal din l-elezzjoni.”
Il-Kunsill Amministrattiv qal li għandu fiduċja sħiħa fil-Kunsilliera u fit-tesserati tal-partit li kapaċi jagħmlu huma l-aħjar għażla bil-vot tagħhom fl-aħjar interess tal-partit.
Stqarrija tal-Partit Nazzjonalista qalet li l-Kunsill Amministrattiv jinnota li, fil-konfront ta’ Adrian Delia, il-Kumitat ta’ Etika sab li “filwaqt li japprezza l-limitazzjonijiet, inkluż ta’ kunfidenzjalità professjonali li jista’ għandu Dr Delia bħala avukat, il-Kumitat iqis li hemm aspetti oħra pendenti li għadhom m’humiex verifikati, u li Dr Delia baqa’ ma spjegax, kemm dwar il-kont f’Barclays International Jersey Bank allegatament f’isem Dr Delia, l-iskop u l-użu ta’ dan il-kont u l-legalita’ tal-provenjenza ta’ dawn il-fondi.”
Il-Kunsill Amministrattiv innota li l-Kumitat ta’ Etika ma sab l-ebda dubji fil-konfront tal-kandidati Alex Perici Calascione, Frank Portelli u Chris Said.