Il-Kamra tal-Avukati ħabbret li fil-jiem li ġejjin bi ħsiebha tippubblika l-proposti tagħha fuq kif għandha tinbidel il-metodoloġija ta’ kif jinħatru l-esperti tal-Qorti.
Il-Kamra bagħatet stqarrija li fiha irreferiet għad-diskors li għamel il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici fis-seduta tal-Parlament tal-bieraħ, b’mod partikolari għall-ħatriet tal-avukat Martin Bajada bħala espert tal-Qorti. Il-Ministru esprima l-kritika tiegħu fil-konfront ta’ sensiela ta’ artikli li deheru fil-gazzetti lokali rigward dan il-każ. Qal li kulħadd għandu jingħata l-opportunità li jirrabilita ruħu, b’referenza għal meta l-avukat kien instab ħati fuq frodi f’Londra.
Il-Ministru ta x’jifhem li billi kundanna tal-avukat Bajada mill-Qrati Kriminali fl-Ingilterra ngħatat aktar minn 20 sena ilu, għandu jingħata opportunità oħra. Il-kamra tal-avukati taqbel li kulħadd għandu jingħata l-opportunità ta’ riabilitazzjoni fis-soċjetà, iżda dan ma jfissirx li kull min jirriabilita ruħu għandu jokkupa karigi pubbliċi tal-portata t’espert tal-Qorti.