Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, għamel konferenza tal-aħbarijiet jitlob ir-riżenji meta fl-istess nifs kien hu stess li ddikjara li mhux qed jgħid li kien hemm xi ħadd li xaħħam lil xi ħadd.
Huwa qal ukoll li mhux qed jieħu vanġelu dak irrappurtat u saħansitra żied jgħamilha ċara li rrefera għal dak irrapportat bħala allegazzjonijiet. “Jien qatt ma nieħu vanġelu xejn ħlief meta jkun hemm proċess li jkun aħħari,” żied Adrian Delia.
Wieħed għalhekk ma jistax jifhem kif Adrian Delia xorta rrepeta kantaliena tar-riżenji meta hu stess għamel dawn id-dikjarazzjonijiet li juru li dak irrapportat fil-medija huwa biss allegazzjoni.
Biex forsi jibda jkun kredibbli, il-Kap tal-Opposizzjoni għandu jitlob investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet serji li hemm fil-konfront ta’ wieħed mill-MEPs tiegħu u l-allegazzjonijiet li kienu saru dwaru minn Daphne Caruana Galizia.
Wieħed jistaqsi għaliex fiż-żewġ każi kemm David Casa u Adrian Delia donnhom huma beżgħana minn investigazzjoni.