Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo m’għandux l-istess fehma li għandu l-Kap tiegħu Adrian Delia dwar Simon Busuttil.
F’konferenza li għaliha kien hemm preżenti biss ġurnalista ta’ ONE News u cameraperson tan-NET, iddikjara li ma jdejqu xejn li Busuttil jibqa’ parti mill-Grupp Parlamentari Nazzjonalista.
Vassallo qal “Għalija ma jdejjaqni xejn li Simon Busuttil jibqa’ wieħed mill-Grupp Parlamentari.”
Dan għall-kuntrarju tal-linja li ħa Adrian Delia dwar is-suġġett; meta f’intervista fuq Radju Malta s-Sibt li għadda qal li kieku kien flok Busuttil, jagħmel bħalma għamel Lawrence Gonzi wara t-telfa elettorali tal-elfejn u tlettax, u jitlaq mill-Parlament.
Delia qal “Jien kont nagħmel eżatt dak li għamel Lawrence Gonzi qablu.”
Dikjarazzjoni li Edwin Vassallo, li qed jaspira li jkun Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista, ma jaqbilx li kellha ssir.
Vassallo qal “Ma tistax taqbad u tgħid lil dak il-Membru Parlamentari fix’ħin jidħol u fix’ħin jitlaq.”
Biex hekk, kompliet toħroġ fid-deher il-qasma li teżisti fil-Partit Nazzjonalisti; b’Deputati għandhom ħsibijiet differenti dwar l-istess suġġett.
Bħal Adrian Delia jaħsibha d-Deputat Mario Galea, li fuq Facebook kien fetaħ il-kanuni kontra d-deċiżjoni li Simon Busuttil iżomm is-siġġu Parlamentari.
Filfatt, f’kitba twila fuq Facebook, Galea qal li għalkemm għandu dritt jibqa’, Busuttil għandu jitlaq mill-Parlament ladarba ddeċieda li jirriżenja minn Kap.
Edwin Vassallo qed jikkompeti għall-kariga ta’ Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista mad-Deputat David Agius. B’dan tal-aħħra ikun il-favorit fil-klikka ta’ Delia, tant li appoġġjah tul il-kampanja ta’ Kap u kien fid-dell tiegħu f’bosta attivitajiet; fosthom meta l-Kap il-ġdid iltaqa’ għall-ewwel darba mal-Prim Minsitru Joseph Muscat fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.