Artiklu tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fuq is-Sunday Times kompla jixhed il-messaġġ partiġjan tal-Partit Nazzjonalista wara l-eżitu tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja, l-FATF.
Fuq it-Times, il-Kap tal-Oppożizzjoni kiteb fuq li hu jkun fil-Gvern u f’disgħin jum joħroġ lil Malta mill-proċedura t’aktar moniteraġġ, wara li kien hu stess li bagħat ittra lill-FATF qabel id-deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni u li fiha indika li Malta għandha titpoġġa fuq il-lista l-griża.
Għal dan il-logħob partiġjan irreaġixxa fuq il-Maltatoday il-ġurnalist analitiku Raphael Vassallo, li nnota dak li ilu jgħid dan l-aħħar il-Kap Nazzjonalista.
Vassallo nnota kif Bernard Grech irid jagħti x’jifhem li se jsalva d-dinja iżda mhuwiex kredibbli meta jitkellem fuq kif hu jrid joħroġ lil Malta minn proċedura tal-FATF.
Vassallo rrimarka li filwaqt li Bernard Grech tkellem hekk fuq l-FATF, meta ġejna għall-fatti, fil-Parlament, hu u l-Oppożizzjoni li jmexxi vvutat kontra liġi li tagħti iżjed setgħa lill-awtoritajiet biex jimponu sanzjonijiet iżjed effettivi.
Din il-liġi, rakkomandata anki mill-FATF, spiċċat m’għaddietx għaliex kien hemm bżonn il-vot taż-żewġ terzi peress li hija emenda Kostituzzjonali.
Quddiem dan il-vot, il-Prim Ministru kien saħaq li l-Oppożizzjoni ta’ Bernard Grech falliet minn test ieħor favur l-interess nazzjonali u ddikjarat vot kontra t-trasparenza.
F’din il-liġi proposta kien hemm inkluż xorta d-dritt t’appell jekk wieħed iħoss li s-sanzjoni imposta mhiex ġusta iżda l-Oppożizzjoni xorta għażlet li ma tivvutax favur.
Intant is-sorsi tagħna fid-Dar Ċentrali, li dan l-aħħar irrappurtaw ir-rebus li qam minħabba l-ingaġġ ta’ Chris Peregin bħala strateġista tal-Partit Nazzjonalista, qalulna kif tal-fazzjoni t’Adrian Delia qed iżommu pass lura mill-istrateġija tal-Kap Bernard Grech li jwiegħed li se jibdel id-dinja f’disgħin jum.
Wieħed minn ġewwa qalilna li l-Kap lanqas kien kapaċi jaħtar shadow cabinet f’disgħin jum, aħseb u ara kemm se jagħmel dak li qed jgħid.
Dan b’referenza li għall-ħatra tax-shadow cabinet li fuqu qam inkwiet kbir, Bernard Grech ħa mija u disat ijiem minn mindu tpoġġa Kap biex jaħtar wieħed u li fih kważi ma biddel xejn, għajr ħames deputati biss, li kellhom l-irwol tagħhom mibdul.