Jason Azzopardi u l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed juru li jaqblu biss mal-istituzzjonijiet meta d-deċiżjoni tal-istess istituzzjonijiet tkun togħġobhom. Din hija l-istess arroganza grassa li konna naraw meta l-istess nies kienu fil-Gvern.
Hekk qal il-Partit Laburista b’referenza għar-reazzjoni ta’ Jason Azzopardi għar-ruling tal-ispeaker, fejn sabu ħati ta’ ksur ta’ privileġġ fil-konfront tal-Ministru Owen Bonnici u talbu biex jirtira d-diskors li qal, kienet; ‘li jista’ jinsa’.
Il-Partit Laburista żied jgħid “Din hija reazzjoni ta’ min m’għandu l-ebda rispett lejn l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna għax ma jgħidux dak li jridu jisimgħu, sintomatiku ta’ politiku elit u tal-establishment. Politika ta’ ipokrezija li meta istituzzjoni tiġbed l-attenzjoni fuq xi ħaġa r-risposta tkun; forget it.
Il-poplu qed jieħu nota ta’ din l-arroganza grassa li kienet manifestata qabel l-aħħar elezzjoni u minkejja li l-poplu bagħat messaġġ ċar u inekwivoku, huwa ċar li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Simon Busuttil għadha ma tgħallmitx u trid treġġa’ l-arloġġ lura”.