L-awtoritajiet fl-Iran temmew ħajjet tliet irġiel ikkundannati għall-mewt, b’rabta mal-protesti kontra l-gvern fuq livell nazzjonali s-sena li għaddiet.
Majid Kazemi ta’ 30 sena, Saleh Mirhashemi ta’ 36 sena u Saeed Yaqoubi ta’ 37 sena ġew arrestati wara protesti fil-belt ċentrali ta’ Isfahan f’Novembru. F’dawn il-protesti, mietu żewġ membri tal-forza paramilitari Basij u uffiċjal taPulizija.
L-irġiel instabu ħatja bl-involviment tagħhom, iżda Amnesty International qed tgħid li ġew soġġetti għal torturi u proċessi inġusti. L-irġiel ċaħdu l-akkużi kontrihom.
Skont sorsi li tkellmu ma’ Amnesty International, qalu li l-irġiel inħatfu, ġew ittorturati u sfurzati jagħmlu dikjarazzjonijiet inkriminanti. Il-każijiet kriminali kontrihom allegatament ġew ibbażati fuq dikjarazzjonijiet li għamlu f’kundizzjonijiet estremi ta’ tortura.
L-interrogaturi allegatament issospendew lil Kazemi rasu ’l isfel, urewh filmati ta’ tortura fuq ħuh, issuġġettawh għal qtil ta’ persuni li ma kienux reali u heddew li joqtlu lil ħutu.
Barra minn hekk, qed ikun allegat li hemm għexieren oħra kkundannati għall-mewt jew akkużati b’reati kapitali. Erba’ dimostranti oħra ġew ġustizzjati għall-mewt u l-pieni tagħhom twettqu f’Diċembru li għadda.
Il-protesti seħħew madwar ir-Repubblika Iżlamika wara l-mewt ta’ Mahsa Amini, mara Kurda ta’ 22 sena li nżammet mill-Pulizija tal-Moralità f’Tehran f’Settembru, talli allegatament libset il-hijab tagħha “b’mod mhux xieraq”.