Ftit tal-ħin ilu, Ira Losco tat interpretazzjoni stupenda fl-ewwel prova ġenerali għall-finali tal-Eurovision Song Contest.
L-ewwel prova ġenerali bdiet għal ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ wara nofsinhar, b’Losco tkanta t-tnejn u għoxrin waħda.
Matul din l-ewwel prova ħarġet aktar il-grinta t’Ira u huwa mistenni li l-preżentazzjoni tagħha tisaħħaħ għat-tieni prova tal-lejla li mistennija tibda fid-disgħa.
Skont id-djar tal-imħatri, ir-Russja u l-Awstralja huma fost il-favoriti li jirbħu t-titlu tal-Eurovision, b’Malta tinsab mal-ewwel għaxra.
It-tieni prova ġenerali hija vitali għal kull parteċipant hekk kif il-ġurija minn kull pajjiż se tkun qed tivvota. Il-ġurija għandha ħamsin fil-mija tar-riżultat finali.