Ira Losco se tħalli Malta għal Stokkolma biex tirrappreżenta lil pajjiżna fil-Eurovision. Minn għada jibdew l-ewwel provi ġenerali għall-ewwel pajjiżi li se jikkompetu fl-ewwel semifinali tat-Tlieta 10 ta’ Mejju.
Losco, flimkien mat-tim tagħha, se jkollha l-ewwel impenn tagħha fi prova ġenerali nhar it-Tlieta li ġej. Filfatt Malta se tkun qed tagħlaq is-serata tal-ewwel semifinali.
Il-kantanta se tkun akkumpanjata fuq il-palk minn żewġ kantanti Maltin, Pamela Bezzina u Anna Azzopardi u żewġ kantanti oħra Svediżi Lars Säfsund u Molly Pettersson Hammar. Din tal-aħħar hija kantanta popolari fl-Isvezja u hija wkoll waħda mill-kompożituri tal-kanzunetta Walk On Water.
Losco se tkun qed tirrapreżenta lil Malta għat-tieni darba fil-Eurovision u l-ewwel test diffiċli tagħha se jkun li tgħaddi mis-semifinali bit-tama li tikseb riżultat pożittiv fil-finali nhar l-14 ta’ Mejju.
Sadanittant l-aħħar tħejjijiet fil-kapitali Svediża għaddejjin ġmielhom hekk kif Stokkolma qed tingħata dehra ġdida biex fil-jiem li ġejjin madwar mitejn miljun ruħ isegwu dan il-festival tant prestiġjuż.