L-akbar linja tal-ajru tal-passiġġieri, Ryanair, ħarġet qatta bla ħabel kontra aġenziji tal-ivvjaġġar onlajn.
Dan wara li, fi stħarriġ li wettqet għal Novembru, sabet li tali aġenziji kienu qed iżommu lill-klijenti tagħhom ħlasijiet esaġerati għall-istess vjaġġi li jinstabu fuq il-websajt uffiċjali tar-Ryanair.
Qalet li saħansitra l-online travel agents, jew OTAs, qed jivvintaw ħlasijiet li lanqas biss jeżistu kemm-il darba persuna tixtri biljett tal-ajru dirett mill-websajt tar-Ryanair.
Il-linja, li topera wkoll minn pajjiżna, qalet li aġenziji, bħal kiwi.com, qed jingannaw bil-kbir lill-konsumaturi anke bi 344% iżjed fil-ħlas biex tibbukkja seat speċifiku fuq titjira tar-Ryanair.
Qalet li, waqt li mill-websajt tagħha persuna tħallas biss €5.50, kiwi.com u opodo.com qed iżommu saħansitra €24.40 u €19.99 rispettivament għall-istess servizz offrut.
L-istħarriġ tar-Ryanair jikxef ukoll qerq fil-ħlasijiet għal miżata fit-tibdil tat-titjira meta t-titjira tinxtara minn fuq eDreams u għal bagalja ta’ 10 kilogrammi fuq il-websajt lastminute.com.
Minbarra hekk, issemmi wkoll kif l-istess kiwi.com saħansitra żżomm il-ħlas ta’ €30 bħala miżata ta’ pproċessar, waqt li opodo.com żżomm €60 bħala miżata meta titħassar titjira mill-klijent. Meta l-istess żewġ servizzi huma kompletament b’xejn fuq il-websajt tar-Ryanair.
Il-Kap Eżekuttiv tar-Ryanair, Michael O’Leary, tenna li dan hu qerq illegali u għandu jitwaqqaf ħesrem.