Il-linja tal-ajru ‘Ryanair’ se tkun sfurzata tnaqqas it-titjiriet fis-Sajf tas-sena d-dieħla u saħqet li wieħed għandu jibqa’ jistenna ammont ta’ ‘delays’. Il-linja tal-ajru qalet li ir-regolatori jaf idumu sa Diċembru li ġej sakemm jaċċettaw li jerġgħu isiru titjiriet permezz tal- Boeing 737 MAX wara li żewġ ajruplani tal-istess mudell waqgħu.
Il-linja tal-ajru qed tgħid li filwaqt li kienet skedata li se tirċievi 58 ajruplan ġdid issa qed tistenna li tirċievi ftit iktar minn nofshom biss. Dan filwaqt li jista’ jagħti l-każ li jkollha tgħalaq xi bażijiet li għandha. Filfatt il-kap eżekuttiv tal-linja tal-ajru, Michael O’Leary spjega kif bħalissa għaddejjin taħditiet ma’ bosta ajruporti madwar id-dinja sabiex jiġi stabilit liem minnhom se jaraw lir-Ryan Air tagħlaq temporanjament jew b’mod permanenti l-operazzjonijiet min-Novembru li ġej.
Il-fatt li l-ajruplani tal-għamla Boeing 737 MAX ma jistgħux itiru qed titfa’ lil linja tal-ajru lura fi żmien fejn kienet qed tippjana li tkompli tkabbar l-operat.