Il-linja tal-ajru Ryanair se tkun qed traħħas it-tariffa li wieħed iħallas fuq bagalji, fejn se jżidu wkoll it-toqol ta’ kemm jaċċettaw bħala bagalja. Dan sabiex jinkoraġixxu aktar klijenti jagħmlu użu minn bagalji ‘check-in’ u b’hekk jitħaffef il-proċess.
Apparti minn hekk vjaġġaturi li jkollhom hand-luggage, jiġifieri bagalja żgħira, mhux se jkunu qed jitħallew itellgħuha magħhom fl-ajruplan, fejn filwaqt li s-soltu titpoġġa fil-kompartament ta’ fuq is-seat dawn se jkunu qed jitniżlu mal-kumplament tal-bagalji fl-ajruplan.
Jekk wieħed ikun jixtieq li jġorr il-bagalja żgħira miegħu fuq l-ajruplan, wieħed irid iħallas passaġġ ta’ prijorità li jkun jista’ jħallas sa siegħa qabel ma titlaq it-titjira.
Dan kollu mill-1 ta’ Novembru.
Permezz ta’ stqarrija Ryanair sostniet li minħabba li qed ikun hemm ħafna passiġġieri li qed itellgħu magħhom bagalja żgħira, il-proċess sakemm kulħadd jitla’ fuq l-ajruplan qed idum ħafna u b’hekk qed ikun hemm dewmien minħabba li xi kultant ma jkunx hemm biżżejjed spazju għal bagalji żgħar kollha li jittellgħu.
Din id-direttiva se tkun qed tibda mill-1 ta’ Novembru, fejn bagalji kbar se jkunu qed jitilgħu minn 15kg għal 20kg bl-istess bagalja tiġi tiswa minn €/£35 għal €/£25.
Kull min se jkollu bagalja żgħira u ma jkollux il-passaġġ ta’ prijorità, il-bagalja żgħira se tkun qed titpoġġa mal-bagalji l-oħra mingħajr ebda ħlas.