Matul il-ġurnata tal-Erbgħa, ir-Russja u l-Ukrajna ħelsu 175 priġunier tal-gwerra kull wieħed f’dak li hu wieħed mill-akbar skambji minn meta bdiet l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna tliet snin ilu.
Is-suldati meħlusa kienu ġew maħtufa f’diversi reġjuni inkluż dak tal-Kursk.
Wara li kienu meħlusa fuq il-fruntiera tat-Tramuntana taż-żewġ pajjiżi, huma ġew meħuda fi sptar fejn kien hemm jistennewhom membri tal-familja.
F’kitba fuq il-pjattaforma X, Zelensky qal li kienu se jirċievu l-assistenza medika u psikoloġika neċessarja.
Il-mexxej Ukren irringrazzja lill-priġunieri tal-gwerra kif ukoll lil dawk kollha li għenu sabiex seħħ il-ħelsien tagħhom speċjalment lill-Emirati Magħquda.
L-Erbgħa wkoll, ir-Russja ħelset 22 priġunier ieħor li kienu midruba serjament bħala sinjal ta’ rieda tajba. Zelensky qal li dawn kienu ġew irritornati fi proċess ta’ negozjati differenti u li ma kellux x’jaqsam mal-iskambju.
Zelensky qal li r-rilaxx tal-priġunieri tal-gwerra kollha kif ukoll ċittadini arrestati kien ikun pass kruċjali favur il-paċi u mezz ta’ kif tinbena fiduċja bejn iż-żewġ pajjiżi.
Dan l-iskambju seħħ wara li l-President Amerikan Donald Trump kellu telefonati mal-President Russu Vladimir Putin u dak Ukren Volodymyr Zelensky sabiex ikunu diskussi l-kundizzjonijiet tal-ftehim mill-waqfien mill-ġlied. Diskussjonijiet dwar dan għadhom għaddejin hekk kif kien hemm qbil biss għall-waqfien mill-ġlied limitat.