L-Ukrajna se ssaħħaħ id-difiża tagħha mal-fruntiera li għandha mal-Belarussja minħabba biża’ ta’ pjan ta’ attakk ġdid mir-Russja. Id-Deputat Ministru għall-Intern Ukren qal li l-Ukrajna se żżid il-forzi tagħha f’din il-fruntiera armati b’iżjed munizzjoni.
Dan tħabbar wara li lbieraħ il-President Russu Vladimir Putin kellu laqgħa mal-President tal-Belarussja, Alexander Lukashenko f’Minsk.
Intant, min-naħa tiegħu, Putin ordna li tiżdied is-sigurtà mal-fruntieri Russi biex jilqgħu għal kull tentattiv ta’ attakk minn barra. Putin qal li s-servizzi speċjali għandhom jipproteġu liċ-ċittadini li jgħixu f’partijiet tal-Ukrajna, li r-Russja għamlet tagħha.
Il-Ministeru għad-Difiża Russu ħabbar li r-truppi Russi stazzjonati fil-Belarussja se jkunu qed jagħmlu eżerċizzji militari konġunti mal-armata tal-Belarussja.