Id-Deputat ambaxxatur Russu għan-Nazzjonijiet Magħquda Dmitry Polyanskiy qal li r-Russja żżomm id-dritt li tuża armi nukleari jekk il-pajjiż ikun ipprovokat min-NATO.
Polyanskiy tenna dan waqt intervista ma’ Sky News, fejn qal li l-President Russu Vladimir Putin jista’ jagħfas il-buttuna nukleari jekk iħoss li r-Russja qed taffaċja theddida.
Meta kien mistoqsi dwar jekk Putin għandux raġun li jibda gwerra nukleari fuq il-bqija tad-dinja, fakkar ukoll li r-Russja hija qawwa nukleari u li jekk pajjiżu jiġi attakkat min-NATO ma jsibx raġuni oħra għajr li r-Russja tagħmel dan.
Intant, f’għeluq ix-xahar mindu bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, il-President Ukren Volodymyr Zelensky għamel talba għas-solidarjetà mal-Ukreni mill-kumplament tad-dinja biex juru appoġġ lejn pajjiżu għal dak li għaddej minnu.
Zelensky għamel dan l-appell sigħat qabel summit tan-NATO fi Brussell, li għalih se jattendi wkoll il-President Amerikan Joe Biden.