Waqt laqgħa f’San Pietruburgu mal-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Russu għall-Iżvilupp Ekonomiku Alexey Ulyukaev iddikjara li r-Russja hija interessata ħafna fin-negozju u l-investiment globali.
Il-Ministru Ulyukaev qal li r-Russja trid iżżid ir-relazzjonijiet kummerċjali tagħha ma’ pajjiż bħal Malta u għalhekk lesta tibda tħaddem analiżi teknika biex tiddentifika f’liema setturi tista’ tiftaħ kollaborazzjoni u opportunitajiet ġodda.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li t-taħditiet li saru bejn il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker u l-President Russu Vladimir Putin bgħatet messaġġ importanti li l-burdata nbidlet għal waħda iktar ġusta. Minkejja li l-Ewropa tibqa’ marbuta mal-ftehim ta’ Minsk, illum hemm realizazzjoni li trid titkellem aktar mar-Russja.
Fuq livell bilaterali, Dr Muscat qal li r-relazzjonijiet bejn Malta u r-Russja ma żviluppawx kif żviluppaw rabtiet oħra ta’ Malta ma’ pajjiżi oħra taħt din l-amministrazzoni. “Fosthom maċ-Ċina li magħha fl-aħħar tliet snin saħħaħna b’mod qawwi il-ħidma”, qal il-Prim Ministru, “u għalhekk l- interess tar-Russja li żżid ir-relazzjoni kummerċjali ma’ Malta jagħmel iktar sens”.