Il-gvern Russu nieda eżerċizzju ta’ taħriġ fuq id-difiża ċivili tan-nazzjon, biex jiżgura il-pajjiż ikun preparat kif jixraq fil-każ tal-użu ta’ armi kimiċi u nukleari, u attakk bioloġiku mill-Punent.
Qiegħda teskala t-tensjoni internazzjonali, b’mod partikolari dwar l-aġir tar-Russja fis-Sirja. L-istazzjon Zvezda TV, immexxi mill-Ministeru Russu għad-Difiża, sostna l-ġimgħa li għaddiet li “skizzofreniċi Amerikani qiegħdin itejjbu armamenti nukleari kontra Moska”.
F’eżerċizzju li beda lbieraħ u li jdum tliet’ijiem, se jkunu nvoluti 200,000 persuna fil-qasam tal-emerġenza u erbgħin miljun persuna ċivili.
Id-drill jinkludi taħriġ f’każ ta’ attakki, biex wieħed ikun protett mir-radjazzjoni u attakki kimiċi. Se jkunu eżeminati binjiet pubbliċi, biex ikun żgurat li fihom miżuri kontra n-nirien, miżuri li jħarsu l-difiża ċivili u l-protezzjoni tal-ħajjiet umani.
Kull ma jmur qiegħda tkompli tmur għall-agħar ir-relazzjoni bejn ir-Russja u l-Punenti, bi Vladimir Putin jissospendi ftehim mal-Istati Uniti dwar kif għandu jkun mormi l-plutonju.