Qed jiġi rrappurtat kif ir-Russja waqfet tissupplixxi għal kollox il-gass lejn l-Ewropa mill-akbar pipeline lejn il-Kontinent Ewropew Nord Stream 1.
Ir-Russja qed tgħid kif dan sar minħabba li hemm bżonn issir tiswija fuq il-pipeline.
Il-Kumpanija mmexxija mill-Istat Russu, Gazprom, qalet li dawn ir-restrizzjonijiet mistennija jdumu biss għal tlett ijiem.
Ta’ min isemmi li minn dan il-pipeline jgħaddi madwar terz tal-provvista tal-gass mir-Russja lejn l-Ewropa.
Ir-Russa diġà naqqset b’mod sinifikanti l-esportazzjoni tal-gass minn dan il-pipeline, azzjoni li wasslet għal kriżi fl-enerġija.
Intant, analisti qalu li l-Gvern Russu qed juża l-gass bħala arma politika. Il-Kremlin kien qal li se jkompli jnaqqas jew saħansitra jwaqqaf il-provvista tal-enerġija bil-gass lejn l-Ewropa. Dan it-theddid min-naħa tar-Russi qed isir minħabba li l-Unjoni Ewropea imponiet diversi sanzjonijiet fuq Moska, b’reazzjoni għall-invażjoni Russa fl-Ukrajna.