Il-UEFA għadha kemm ħabbret is-sanzjonijiet fuq il-Federazzjoni tal-Futbol Russa, u ordnat dizkwalifikazzjoni sospiża għat-tim mill-Euro 2016. Dan ifisser li mal-ewwel inkwiet li jaqalgħu l-hooligans Russi, t-tim tagħhom jispicca barra!
Dan kollu jsegwi jiem ta’ vjolenza f’Marseille, fejn saret il-partita bejn ir-Russja u l-Ingilterra. Fil-jiem ta’ qabel, nibtet vjolenza fit-toroq tal-istess belt, li mbgħad eskalat fl-istadium fejn intlagħabet il-partita. Mas-suffara finali, partitarji, jew aħjar hooligans Russi, ħebbew għall-partitarji Ingliżi bir-rizultat li bosta sfaw midruba, wiehed serjament tant li jinsab f’qaghda kritika izda stabbli.
Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li madwar 150 Russu li attendew għal-logħba kienu mħarrġa apposta u lesti għall-ġlied. Jirriżulta wkoll li ħafna mill-vjolenza qabel il-logħba kienet provokata minn dawn ir-Russi. Xeni li ċertament m’għandhom ebda post fil-futbol, u li ġabu l-kundanna tal-organizzaturi.
Intant, issa kulħadd ħarstu lejn l-ibliet ta’ Lille u Lens, fejn ir-Russi u l-Ingliżi se jilgħabu l-partiti li jmiss, bejn l-Erbgħa u l-Ħamis rispettivament. Apparti d-dizkwalifikazzjoni sospiża, ir-Russi ġew immultati ukoll is-somma ta’ €150,000.