Il-President Amerikan Donald Trump qal li għada t-Tlieta se jkun qed jitkellem mal-President Russu Vladimir Putin hekk kif qed jitkomplew it-tentattivi dwar possibilment waqfien mill-ġlied fil-gwerra tal-Ukrajna li ilha għaddejja tliet snin.
Iżda d-Deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin Russu Alexander Grushko iddikjara li r-Russja irid ikollha garanzija li n-NATO ma kienx se jaċċetta lill-Ukrajna bħala membru u li l-Ukrajna tibqa’ newtrali fi kwalunkwe ftehim għall-paċi.
Waqt li kien qed jitkellem fuq l-ajruplan presidenzjali Air Force One il-Ħadd filgħaxija, Trump qal li matul tmiem il-ġimgħa kien sar ħafna xogħol b’negozjati fuq l-art u l-impjanti tal-enerġija. Huwa qal ukoll li kienu qed jiddiskutu l-qsim ta’ ċertu assi bejn ir-Russja u l-Ukrajna.
Għalkemm Putin kien qal li fil-prinċipju qed jabel mal-ftehim ta’ 30 ġurnata waqfien mill-ġlied però elenka serje ta’ kundizzjonijiet iebsa sabiex dan iseħħ.
Sadanittant il-President Ukren Volodymyr Zelensky, akkuża lil Putin li kien qed jipprova jfixkel l-isforzi diplomatiċi sabiex jiġi assigurat ftehim immedjat għall-waqfien mill-ġlied.