Ir-Russja akkużat lis-servizzi speċjali tal-Ukrajna bil-qtil tat-tifla ta’ wieħed mill-alleati tal-President Russu Vladimir Putin f’karozza bomba fi tmiem il-ġimgħa li għadda.
Darya Dugina, ta’ disgħa u għoxrin sena, mietet is-Sibt meta splodiet il-karozza li kienet qed issuq viċin il-kapitali Russa, Moska.
Missierha, Alexander Dugin, huwa alleat viċin ħafna ta’ Putin, u huwa maħsub li kien hu fil-mira oriġinali tal-attakk.
Uffiċjali Ukreni ċaħdu kull involviment fl-isplużjoni iżda s-Servizzi tas-Sigurtà Russi qalu li solvew il-każ u l-Ukrajna hija direttament responsabbli.