Ir-Russja mistennija tieħu sehem fil-Eurovision li jmiss li se jsir fil-pajjiż ġar tagħha u li bħalissa jinsabu f’kunflitt jaħraq. Wara sensiela ta’ diċeriji jidher li l-organizzaturi tal-Eurovision Song Contest li ġej qatgħu ras il-kwistjoni.
Id-direttur tal-istazzjon nazzjonali Ukren Zurab Alasania ġie kwotat jgħid li r-Russja se tkun qed tipparteċipa fl-edizzjoni li jmiss li se titella’ fil-kapitali Kiev. Id-dubji dwar il-futur tar-Russja fil-Eurovision intefgħu ftit wara l-aħħar festival.
Dan hekk kif il-Prim Ministru Russu Dmitry Medvedev kien sostna li pajjiżu jista’ jaqta’ qiesu mill-Eurovision tas-sena d-dieħla. Fl-aħħar edizzjoni r-Russja u l-Ukrajna kienu kważi ras imb’ras iżda kienet Jamala li tat it-tieni rebħa għall-Ukreni biex ir-Russja kellha tikkuntenta bit-tielet post.