Il-Gvern Russu mhux se jissupplixxi gass lejn il-kontinent Ewropew permezz tal-pipeline, Nord Stream 1; l-akbar pipeline tal-gass lejn l-Ewropa.
Dan l-iżvilupp seħħ, hekk kif is-Sibt, ir-Russja kellha terġa’ tissupplixxi l-gass lejn l-Ewropa.
Iżda fl-aħħar sigħat, ir-Russja qalet li dan qed jiġri minħabba ħsarat tekniċi, hekk kif intqal li hemm tnixxija ta’ żejt mill-pipeline.
L-Erbgħa li għadda, ir-Russja ħabbret li se twaqqaf il-provvista tal-gass minn dan il-pipeline, mir-Russja lejn l-Ewropa, għal tlett ijiem.
Dan il-pipeline jipprovdi terz tal-provvista tal-gass mir-Russja lejn l-Ewropa, fosthom lill-Ġermanja.
Il-Gvern Russu, permezz tal-kumpanija Gazprom, kien diġa naqqas b’mod sinifikanti l-esportazzjoni tal-gass minn dan il-pipeline f’Lulju, u dan wassal għall-kriżi tal-enerġija li bħalissa qed tgħakkes lill-Ewropa.
Bosta analisti qed iqisu din l-aħħar mossa, flimkien mal-azzjonijiet li l-Gvern Russu ħa, fejn juża l-gass bħala arma politika.
Il-Kremlin kien qal li se jkompli jnaqqas jew saħansitra jwaqqaf il-provvista tal-enerġija tal-gass lejn Ewropa. Dan it-theddid min-naħa tal-Gvern Russu qed isir minħabba li l-Unjoni Ewropea imponiet diversi sanzjonijiet fuq Moska, b’reazzjoni għall-invażjoni Russa fl-Ukrajna.
Din il-kriżi fl-enerġija se twassal biex il-familji Ewropej se jkollhom ċans kbir li ma jsaħħnux djarhom fix-xitwa, fl-aktar żmien fejn l-Ewropa tuża’ l-enerġija.
Minħabba din il-kriżi, il-Ministri tal-Enerġija tal-Unjoni Ewropea qablu li se jnaqqsu 15 fil-mija mill-provvista tal-gass, bejn Awwissu u Marzu li ġew. Dan biex il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jkollha biżżejjed provvista tal-gass għal żmien ix-xitwa.
Malta ġiet eżentata minn din ir-regola, permezz ta’ deroga.