Il-President tal-Belarus Alexander Lukashenko qal illi r-Russja qablet li toffri l-assistenza tagħha għas-sigurtà f’każ ta’ theddid militari estern. Lukashenko esprima t-tħassib tiegħu dwar eżerċizzji militari min-NATO li qed isiru fil-pajjiżi ġirien; il-Polonja u l-Litwanja.
Bħalissa fil-Belarus hemm kommossjoni sħiħa b’demostrazzjonijiet imnebbħa mir-riżultat tal-elezzjoni ta’ bħal-lum ġimgħa. Il-Kummissjoni Elettorali Ċentrali tal-Belarus ħabbret li Lukashenko kiseb 80.1% tal-voti filwaqt li l-kandidata ewlenija tal-oppożizzjoni, Svetlana Tikhanovskaya kisbet 10.12%.
Tikhanovskaya, li ġiet sfurzata titlaq pajjiżha lejn il-Litwanja, għadha qed tinsisti li l-elezzjoni ġiet imbagħbsa; tant li sostniet li fejn il-voti ġew magħduda sew, hija kisbet bejn 60-70% tal-voti.