Il-belt ta’ Kherson tinsab f’idejn l-għadu.
Is-sindku ta’ din il-belt Ukrena qal li lbieraħ filgħaxija suldati Russi kissru l-bini tal-amministrazzjoni lokali.
Kherson hija l-ewwel belt kbira li tinsab fil-kontroll sħiħ tar-Russja. Ikkonferma dan il-gvern Russu.
Intant, midja Ukrena qed tirraporta li fi sbieħ it-tmien jum tal-invażjoni Russa fl-Ukrajna, nstemgħu numru ta’ splużjonijiet kbar fil-periferiji tal-kapitali Kyiv, fil-fatt ir-residenti ntalbu jfittxu kenn mill-attakki.
Dan filwaqt li komplew l-attakki mir-Russja fuq it-tieni l-akbar belt Ukrena Kharkiv. Dawn l-attakki laqtu tliet skejjel u katidral, iżda, b’xorti tajba ma kienx hemm fatalitajiet.
F’messaġġ televiżiv il-President Ukren Volodmyr Zelensky wassal messaġġ b’saħħtu kontra l-invażjoni Russa. Huwa qal li r-Russi se jsibu reżistenza ħarxa mill-Ukreni, u tenna li għalihom din hija gwerra patrijottika. Mhux se jaqtgħu qalbhom, se jibqgħu jiġġieldu għal dak li hu tagħhom.