Jum wara ieħor fl-Ukrajna kompliet tikber it-tensjoni, hekk kif fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu attakk Russu fin-naħa t’isfel tal-pajjiż laqgħat impjant nukleari fejn wassal biex waħda mill-binjiet tal-impjant tieħu n-nar.
Is-servizzi tal-emerġenza Ukreni kkonfermaw li rnexxielhom jitfu n-nirien u ma kien hemm l-ebda vittma wara din l-isplużjoni.
L-impjant innifsu ma ġiex affettwat iżda kien hemm il-biża’ li n-nar jista’ jinfirex jekk ma jitrażżanx malajr.
Is-servizzi ta’ emerġenza Ukreni qalu li fil-bidu ġew imblukkati milli jaslu fuq il-post.
Il-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson qal kif l-azzjonijiet tal-President Russu Vladimir Putin jistgħu jaffetwaw is-sigurtà tal-Ewropa kollha.
Johnson qal ukoll li r-Renju Unit se jagħmel dak kollu li jista’ biex jiżgura li s-sitwazzjoni ma tmurx għall-agħar.
Il-President Ukren Volodymyr Zelensky qed jappella għall-għajnuna urġenti mill-Ewropa hekk kif l-affarijiet ma jidrux sbieħ.