Maria Efimova, ir-Russa li għamlet l-allegazzjonijiet fil-każ Egrant telqet minn Malta. Dalgħodu reġgħet issejħet biex tidher f’kawża separata fejn hi akkużata li għamlet rapporti foloz fil-konfront ta’ uffiċjali tal-Pulizija. Iżda, reġgħet ma dehritx.
Quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud li issa poġġa lil Efimova fuq il-lista ta’ persuna “wanted” l-aħħar kuntatt li sar mal-avukat tagħha kien fix-xahar ta’ Ġunju. Eventwalment hu pprova jċemplilha iżda ma qabadiex.
Wara li l-Maġistrat għamel mandat ta’ arrest, wara li fil-21 ta’ Lulju ma dehritx quddiem il-Qorti l-Pulizija marru fir-residenza tagħha nhar it-Tlieta fejn hemm instab li l-post kien tbattal minn affarijiet personali.
Skont xhieda tal-Pulizija jirriżulta li waqfet mill-impjieg tagħha fis-27 ta’ Ġunju. Xi ħaġa kkonfermata minn informazzjoni miġbura minn Jobs+. U minkejja li suppost tiffirma l-għassa tal-Pulizija l-aħħar li għamlet dan kien f’Ġunju li għadda.
Sid il-post sostna li f’email li bagħtitlu, Efimova qalet li minħabba s-sitwazzjoni li spiċċat fiha, hi kellha titlaq mill-pajjiż.
Fil-komunikazzjoni tal-Pulizija mad-Dipartiment tal-Immigrazzjoni intqal li jekk din ħarġet mill-pajjiż, probabli ħarġet għal pajjiż fiż-żona Shengen hekk kif m’hemmx informazzjoni li ħarġet mill-pajjiż.
Il-Maġistrat Joe Mifsud, qal li din il-mara għandha titpoġġa fuq il-‘wanted list’ u li l-mandat t’arrest li għamel fil-21 ta’ Lulju se jibqa’ validu.