Ir-Rumen li nqatel b’daqqiet ta’ sikkina f’Paceville f’Diċembru li għadda, kien implikat fi pjan biex tinħataf il-mara tal-eks futboler, David Beckham, Victoria Beckham.
Dan ħareġ fil-Qorti, hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni kontra t-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ Joseff Rivas, li lkoll qed iwieġbu mhux ħatja u qed jgħidu li qatluh f’att biex jipproteġu lilhom infushom.
Rivas qala’ tmienja u għoxrin daqqa ta’ sikkina f’żewġ minuti, f’dak li l-Prosekuturi sejħu bħala argument fuq il-prostituzzjoni.
Tliet Rumeni li jiġu minn xulxin, fosthom żewġt aħwa, qed ikunu akkużati bil-qtil tiegħu.
Fil-Qorti ħareġ kif Rivas kellu diversi akkużi serji fir-rekord kriminali tiegħu, u d-difiża qed tinsisti li jixhed l-Ispettur Brian Xuereb, li żvela dettalji dwar il-passat kriminali ta’ Rivas.
Fil-fatt, jirriżulta li l-vittma nnifsu kien instab ħati ta’ qtil u kien ħarab mill-kustodja tal-Pulizija, tant li kien ħareġ mandat t’arrest Ewropew fil-konfront tiegħu.
Il-Pulizija Skoċċiża kienet ukoll investigat operazzjoni li nvolviet lill-vittma, biex tiġi maħtufa Victoria Beckham, bl-intenzjoni li tintalab is-somma ta’ seba’ miljun ewro għaliha.
Il-Qorti mistennija tiddeċiedi fuq il-libertà proviżorja fis-seduta li jmiss f’Ottubru.