Nhar il-Ħadd, 28 t’Ottubru, Heritage Malta qed tistieden lill-pubbliku biex igawdi attivitajiet varji li qed jiġu organizzati fis-sit arkeoloġiku ta’ San Pawl Milqi f’Burmarrad. Bosta mill-attivitajiet se jiffukaw fuq il-produzzjoni, l-użu, u l-konsum tal-għasel fil-perjodu Ruman, flimkien mar-rwol tat-trobbija tan-naħal. Matul il-ġurnata se jkun hemm ukoll numru ta’ taħditiet dwar l-għasel u ż-żejt taż-żebbuġa.
Is-sit ta’ San Pawl Milqi hu magħruf għall-iktar fdalijiet estensivi ta’ villa Rumana li nstabu s’issa fil-gżejjer tagħna. Tagħmir antik tal-ġebel li nstab fil-villa jindika illi dan il-bini kien jiġi użat għall-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa. F’dawn l-aħħar snin, Heritage Malta qed tiddedika parti minn dan is-sit għat-trobbija tan-naħal biex tipproduċi għasel lokali u prodotti oħra minnu.
L-attivitajiet f’din il-ġurnata se jibdew bi żjarat qosra tal-fdalijiet tal-villa Rumana. Iż-żjarat bi gwida bil-Malti se jsiru fid-9:30am u s-1:30pm, dawk bl-Ingliż fil-11:00am u fit-3:30pm.
L-ewwel taħdita li se ssir fil-11:30am minn Dr Joseph Buhagiar iġġib l-isem Perspectives on Olive Cultivations and Processing in Maltese Roman Antiquities. It-taħdita li jmiss Honey production through the Ages issir fis-1:00pm mill-Kuratur ta’ Heritage Malta, Paul Portelli. L-aħħar taħdita San Pawl Milqi – Past, Present, Future tibda fit-3:00pm u se titwassal mill-Kuratur Anzjan ta’ Heritage Malta, David Cardona. It-taħditiet kollha se jsiru bl-Ingliż.
Mill-10:30am sat-3:00pm se jkun hemm mejda b’selezzjoni ta’ ikel ibbażat fuq l-għasel u ppreparat skont riċetti antiki Rumani.
Dan l-avveniment se jinkludi wkoll re-enactments minn Legio X Fretensis li se jitfgħu dawl fuq kif kien l-istil tal-ħajja fil-perjodu tal-villa Rumana. Barra minn hekk, Golden Island Ltd se tkun qed tipprovdi informazzjoni u dimostrazzjonijiet relatati man-naħal u l-għasel f’Malta. Se jkun hemm ukoll prodotti tal-għasel għall-bejgħ.
Ħinijiet tal-ftuħ: mid-9:00am sal-5:00pm (l-aħħar dħul fl-4:30pm)
Prezz: €2 kull persuna. Membri ta’ Heritage Malta jidħlu bla ħlas.
Aktar informazzjoni tinsab fis-sit ta’ Heritage Malta http://www.heritagemalta.org