Bħalissa fl-Università ta’ Malta qed jingħata taħriġ lil numru ta’ tobba fil-kirurġija, liema kors ta’ taħriġ qed jitmexxa mir-Royal College of Surgeons of Ireland. Kien propju f’Ottubru li għadda li l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien ħabbar li minn din is-sena se jibda jsir dan it-taħriġ għat-tobba f’Malta stess.
Waqt li kien qed iżur sessjoni ta’ taħriġ aktar kmieni llum, il-Ministru Fearne spjega fost oħrajn il-vantaġġ ta’ dan it-taħriġ f’Malta.
“Kif konna ħabbarna f’Ottubru li għadda, minn din is-sena beda t-taħriġ għat-tobba fil-kirurġija. Dan it-taħriġ qed jitmexxa mir-Royal College of Surgeons of Ireland li bagħtu hawn Malta kirurgi għalliema li qed imexxu dan il-kors flimkien ma’ għalliema Maltin. Dan it-taħriġ li qed isir Malta qed jgħin lil tobba li qabel kien ikollhom isiefru sabiex jieħdu dan it-taħriġ, kif ukoll qed jattira tobba barranin biex jiġu jistudjaw f’Malta. Permezz tal-ftehim li lħaqna mar-Royal College of Surgeons of Ireland, dawn it-tobba llum qed jieħdu l-istess livell ta’ taħriġ minn dan il-kulleġġ rinomat f’pajjiżna stess”, temm jgħid il-Ministru Chris Fearne.