Ftit jiem biss ‘il bogħod miċ-ċelebrazzjoni ta’ Santa Marija tħabbar proġett għall-tibdil fis-sistema li ddawwal il-faċċata tas-Santwarju Bażilika ta’ Santa Marija l-Mosta. Dan permezz ta’ investiment ta’ €850,000 mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF.
Dan l-investiment tħabbar f’konferenza stampa li saret fuq il-fontispizju tal-Bażilika mis-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat, fejn ġie spjegat li d-dawl estern ġdid se jenfasizza l-elementi arkitettoniċi tar-Rotunda, juża l-enerġija b’mod effiċjenti, u joħloq l-inqas ammont ta’ tniġġis possibbli.
Huwa qal, “Inħasset il-ħtieġa li jsir dan l-investiment u l-Gvern permezz tal-NDSF qabel li ħa jkun hu li ħa jkun qed jiffinanzja dan il-proġett; li finalment mhux proġett biss li ħa tgawdi l-komunità Mostija, imma proġett nazzjonali li ħa jkun jista’ jgawdi minnu kulħadd.”
Is-Segretarju Parlamentari Alex Muscat tenna li r-Rotunda hija monument nazzjonali li tiġbed lejha eluf ta’ nies, saħanistra spjega kif turist minn kull tlieta li jżuru pajjiżna, jagħmlu mezz li jżuru r-rotunda. Semma wkoll li fl-2019, is-sena ta’ qabel ma faqqgħet il-pandemija, mal-kważi 900,000 turist ġie japprezza l-arkitettura storika fil-Mosta.
Il-konferneza ġiet indirizzata wkoll mill-Perit b’fama internazzjonali, Franck Franjou li spjega li d-dawl artistiku mhux biss se jgħin biex jintensifika l-estetika tar-Rotunda tal-Mosta; u għalhekk ikun apprezzat aktar kull dettall tal-arkitettura Neo-Klassika filwaqt li jżid il-valur storiku, kulturali u artistiku tal-binja.
Intant, l-Arċipriet tal-Mosta, Dun Bastjan Caruana, esprima s-sodisfazzjon tiegħu filwaqt li qal li dan il-proġett se jżid is-sens ta’ kburija tal-Mostin.
Huwa stqarr: “Apprezzata wkoll mhux biss mill-art imma anke mill-ajru. Ħafna nies jgħidulek meta tkun nieżel mill-ajruplan, taraha. U fiha nnifisha tgħid ara hawn postijiet li anke f’Malta għandhom ċertu importanza. Naħseb li dan il-proġett għandu jgħinna biex napprezzawha iżjed f’kull ħin tal-ġurnata.”
Dan il-proġett mistenni li jibda fil-ġimgħat li ġejjin u jibda jitgawda mis-sena d-dieħla.