Ir-rotta minn fejn se jgħaddi l-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija kemm fuq l-art u kif ukoll fil-baħar ġiet iffinalizzata.
Id-direttur tal-proġett tal-pipeline Ismail Damato spjega li b’tul ta’ madwar mija wieħed u ħamsin kilometru, il-parti Maltija fil-proġett kienet ippreżentata fi studju dwar l-impatt ambjentali sottomess lill-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi.
Huwa spjega: “Għadu kemm ġie konkluż l-istudju li analizza l-qiegħ tal-baħar minnfejn se tgħaddi r-rotta tal-pipeline. Ġaladarba din ir-rotta ġiet finalizzata ġie sottomess l-istudju għall-impatt ambjentali mill-awtoritajiet kompetenti.”
Il-proġett huwa fdat f’idejn il-kumpanija statali Melita Transgas li twaqqfet propju apposta biex timplimenta dan il-proġett.
Fi żjara lill-impjegati, il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-ilma Michael Farrugia qal li kemm qabel u matul dawn l-istudji, saru bosta laqgħat ta’ konsultazzjoni, kemm mal-pubbliku kif ukoll mal-kunsilli lokali u l-awtoritajiet ikkonċernati.
Il-Ministru Farrugia stqarr: :Qegħdin inħarsu lejn il-futur mhux biss lejn possibilità li l-pipeline jintuża għall-gass imma l-possibilità li meta jkun hemm il-faċilità jintuża l-biomethane jew inkella l-hydrogen.”
Matul din iż-żjara, tħabbar ukoll li l-kumpanija waqqfet website li se tkun qed twassal informazzjoni lill-pubbliku dwar il-proġett kif ukoll se tinkludi dokumentazzjoni pubblika importanti għal dawk li huma interessati f’dan il-proġett vast u strateġiku għal pajjiżna.
Ġaladarba dan il-proġett jitlesta, il-pipeline se jkun qed jgħaqqad lil Malta mal-grid Ewropew u jagħti aktar kapaċità ta’ trażmissjoni ta’ gass lil Malta.