Wi-Fi b’xejn issa huwa disponibbli fuq il-karozzi tal-linja tar-rotot kollha wara li l-proġett pilota ta’ Malta Public Transport b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta li twettaq matul is-sajf kien ta’ suċċess.
“Permezz tal-kollaborazzjoni tagħna ma’ Transport Malta, Malta Public Transport qed toffri aktar valur u iktar konvenjenza, mingħajr ħlas żejjed għall-klijenti,” qal Daniel Grech, Direttur Kummerċjali ta’ Malta Public Transport.
Mit-tnedija tal-proġett pilota, in-numru ta’ logins kompla jiżdied b’mod konsistenti b’żieda medja fix-xahar ta’ 57%. F’Lulju kien hemm iktar minn 50,000 utent uniku juża’ s-servizz.
Aktar minn 1.8 miljun logins ġew irreġistrati matul il-perjodu ta’ prova, bir-rotot tal-ajruport bl-akbar użu, segwiti minn rotot lejn San Ġiljan, Buġibba u ċ-Ċirkewwa.
Dan intuża primarjament għall-midja soċjali, filwaqt li ftit iktar minn kwart tal-użu marru għall-web browsing. L-applikazzjoni ewlenija użata fuq il-vjaġġi bil-karozzi tal-linja hija Facebook, li kienet użata 48% tal-ħin.