Hekk kif il-Ħadd infetħet it-triq li tgħaqqad lil Ħal Luqa u Ħal Qormi, it-toroq madwar il-proġett tal-Luqa Junction u l-proġett tal-Kirkop Tunnels and Airport Intersection issa huma aċċessibbli fid-direzzjoni permanenti tagħhom.
Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Aaron Farrugia, waqt żjara li għamel fuq il-post.
Il-proġett tal-Luqa Junction hu investiment ta’ ħdax-il miljun ewro (€11) biex jissostitwixxi r-roundabout prinċipali ta’ din il-lokalità b’junction f’diversi livelli li tiffaċilita konnessjonijiet b’aċċessibilità u b’sigurtà aħjar bejn Ħal Qormi, Ħal Luqa, Santa Luċija, il-Marsa, il-Gudja, l-Ajruport u l-mini ta’ Ħal Kirkop.
Il-proġett jinkorpora passaġġi, pedestrian crossings u korsija segregata ġdida għaċ-ċiklisti u dawk li jiffrekwentaw iż-żona bil-mixi tul Triq il-Kunsill Tal-Ewropa.
“Qegħdin hawn illum naraw iżjed konnessjonijiet diretti madwar il-Luqa Junction Project. Proġett li jikkumplimenta l-Kirkop Tunnels and Airport Intersection. Dan se jwassal għal benefiċċju għal min juża l-akkwati. Għal min juża ż-żewġ proġetti.”
Intant, issa Infrastructure Malta se tiffoka fuq it-tlestija tal-mina l-ġdida b’tul ta’ 60 metru, hekk kif ix-xogħlijiet kollha ta’ tħaffir huma lesti.
Dwar dawn ix-xogħlijiet spjegalna aktar il-Perit Anton Zammit.
Issa wasalna biex naħdmu l-aħħar fażi tat-tunnel. It-tunnel huwa madwar sittin metru. Huwa cut and cover tunnel jiġifieri skavajnih minn fuq, bnejnih, għandna ¾ minnu huwa lest. Qegħdin bħalissa ninstallaw l-aħħar pannelli u ħitan biex b’hekk fil-ġimgħat li ġejjin nkunu nistgħu niftħu l-aħħar link ta’ dan il-proġett li huwa minn Santa Luċija lejn Ħal Qormi.
Infrastructure Malta se ssebbaħ ukoll il-proġett b’siġar u b’arbuxelli ġodda, filwaqt li se tiżviluppa spazju miftuħ ġdid ta’ rikreazzjoni b’aċċess faċli għall-mixi miċ-ċentru ta’ Ħal Luqa.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Farrugia enfasizza l-importanza ta’ dan il-proġett biex jiġi żgurat fluss kontinwu tat-traffiku f’din iż-żona kritika għall-pajjiż.
“Inħarsu ’l quddiem biex il-poplu Malti u Għawdxi, ir-residenti li għal ħafna żmien kellhom inkonvenjent minħabba x-xogħlijiet li saru, ikunu jistgħu jgħaddu minn dawn it-toroq issa b’mod iktar effiċjenti, inqas emmissjonijiet allura inqas ħsara lil saħħitna imma wkoll inqas ħin fit-traffiku.”
Preżenti għal din iż-żjara kien hemm it-tim ta’ IM u l-kuntratturi involuti fil-proġett.
Dan il-proġett huwa ko-finanzjat minn fondi Ewropej mill-Connecting Europe Facility.