Wara li minn nhar it-Tnejn li għadda reġgħu bdew isiru t-testijiet tal-VRT fuq il-vetturi żorna wieħed mill-garaxxijiet fiż-żona industrijali tal-Ħal Luqa, fejn mill-ġdida rajna l-ħidma ma taqta’ xejn li tibda minn sbieħ Alla, b’ karozza wara l-oħra tidaħħal biex isir it-test tal-VRT.
Il-mekkanik Peter Cachia spjegalna kif minn dejjem kienu jieħdu l-prekawzjonijiet, madanakollu f’dan il-perjodu żdiedu aktar; fosthom li karozza titnaddaf b’sanitizer u l-isteering jitgeżwer ġol-plastik.
Cachia stqarr, “Iktar ‘il quddiem peress li konna magħluqin u erġajna ftaħna aktar qed nieħdu prekawzjonijiet: inħallu n-nies barra, jekk jista’ jkun ma jidħlux fil-garaxx magħna, indaħħlu karozza waħda u n-nies joqgħodu barra. Bħala aktar xogħol, in-nies jekk jista’ jkun jikkoperaw magħna, iġubu l-karozza nadifa minn ġewwa u minn barra.”
Bosta li skadtilhom il-liċenzja u obbligati li jagħmlu t-test tal-VRT rħewla minn kmieni filgħodu fl-ewwel jum lejn il-garaxxijiet tal-VRT.
Kompla jgħid, “Il-karozzi żdiedu aktar speċjalment fl-ewwel ġurnata, kulħadd beda jibża’ biex jagħmel il-VRT u jħallas il-liċenzja malajr, sal-lum għadna bi kju, hawn ħafna minnhom kienu bbukjati u ħafna minnhom indaħħluhom wara xulxin.”
Intant il-mekkanik qalilna illi bħal kwalunkwe negozju ieħor ħass l-impatt finanzjarju, madanakollu issa, hu flimkien mat-tim tiegħu jinsabu ppreparati sabiex jerġgħu jaraw ir-rota ddur.