Il-kantanta Katy Perry flimkien ma’ ħames nisa oħra llum mistennija jtiru lejn l-ispazju abbord ir-rokit turistiku ta’ Jeff Bezos Blue Origin.
Mal-kantanta se jkun hemm ukoll l-għarusa ta’ Bezos Lauren Sánchez u l-preżentattriċi tas-CBS Gayle King.
Abbord ukoll se jkun hemm l-eks xjenzata tan-Nasa Aisha Bowe, l-attivistà tad-drittijiet ċivili Amanda Nguyen u l-produttriċi tal-films Kerianne Flynn.
Dan ir-rokit New Shepard ġdid mistenni jkun sparat minn sit fil-Punent ta’ Texas illum wara nofsinhar, fit-3:30 pm ħin ta’ Malta.
It-titjira se tieħu 11-il minuta u tmur distanza ta’ 100 kilometru ’l fuq mid-dinja, fejn taqsam il-fruntiera tal-ispazju biex l-ekwipaġġ jesperjenza ftit minuti ta’ nuqqas ta’ gravità.
Il-vettura spazjali taħdem waħidha u m’għandiex bżonn piloti u l-ekwipaġġ mhux se jkun qed joperaha hu.
Il-kapsula se tirritorna lura fid-dinja assistita mill-parachutes bir-rokit jillandja madwar żewġ mili ’l bogħod minn fejn se jkun sparat.
L-aħħar titjira fl-ispazju minn ekwipaġġ femminili biss kienet 60 sena ilu meta l-Kosmonawta Russa Valentina Tereshkova kienet l-ewwel mara li telgħet fuq missjoni waħdiha abbord l-vettura spazjali Vostok 6.
Filwaqt li n-nisa għamlu diversi kontribuzzjonijiet sinifikanti fl-industrija spazjali, minn dakinhar qatt ma kien hemm missjonijiet ta’ nisa waħidhom.