Ir-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’25 % ħalla kull sena miljuni kbar fil-but tal-familji, l-industrija u negozji Maltin u Għawdxin.
Dan joħroġ minn statistika li tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra t-Tnejn filgħaxija mill-Ministru għall-Enerġija u l-Ilma Joe Mizzi.
Miċ-ċifri ppubblikati joħroġ kuntrast kbir dwar il-flus li kienet tiġbor il-kumpanija ARMS fl-aħħar leġislatura Nazzjonalista u d-dħul tagħha wara li traħħsu l-kontijiet fil-31ta’ Marzu tal-2014.
L-istatstika ppubblikata turi li waqt li fl-2012, l-ARMS ġabret mingħand il-familji u n-negozji kważi €446, fl-2016, id-dħul tal-ARMS naqas għal ftit aktar minn €367 miljun.
Dan ifisser li sena wara t-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, il-familji u n-negozji Maltin tħallewlhom f’buthom kważi €79 miljun.
Dan minbarra l-fatt li t-traħħis fil-kontijiet wassal ukoll għal żieda sostanzjali fil-konsum mill-familji u n-negozji Maltin.
Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru għall-Enerġija nnota wkoll li l-ammont ta’ flus li l-familji u n-negozji kellhom jagħtu lill-kumpanija ARMS fl-aħħar tas-sena elfejn u erbatax kien ta’ €150 miljun.
Huwa attribwixxa t-tnaqqis tal-flus miġbura mill-ARMS għat-tnaqqis fil-kontijiet tal-elettriku u l-ilma b’aktar minn 25%.
Ir-roħs fil-kontijiet kien possibbli għall-investiment privat li sar fl-Enemalta. Dan għall-fatt li bil-powerstation tal-BWSC u l-interconnector ma kinux biżżejjed biex jorħsu l-kontijiet.
Din l-istatistika ssegwi wkoll rapport tal-Eurostat il-ġimgħa li għaddiet li wera li Malta għandha r-raba’ l-orħos tariffi tal-elettriku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.