L-istudenti Maltin kienu kapaċi jegħlbu l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, minkejja li t-tagħlim tradizzjonali kellu tibdil sinifikanti għall-mod kif jingħata.
Dan huwa evidenti minn riżultati li nkisbu fl-aħħar eżamijiet tal-benchmark.
Ma’ ONE News, il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana saħqet li skont analiżi li sar juri li fi żmien fejn l-istudenti kienu affaċċjati b’tibdil, ġabu riżultati ferm tajbin.
Il-Ministru Caruana qalet, “Kellna wkoll riżultati oħrajn fosthom għamilna analiżi tar-riżultati tal-benchmark għal dan l-aħħar snin kif ukoll anke għamilna analiżi ta’ riżultati tal-core subjects tal-year 11, fejn irriżulta li minkejja l-pandemija, l-istudenti tagħna mhux biss żammew il-livell talli kellna upward trend, jiġifieri li marru aħjar saħansitra minn qabel ma kellna l-pandemija.”
Din l-aħbar pożittiva ssegwi kisbiet oħra importanti li kellhom studenti Maltin.
Dik li studenti tal-ħames sena marru aħjar mill-medja tal-istudenti minn madwar id-dinja fis-suġġetti tal-Matematika u x-Xjenza f’testijiet internazzjonali.
Intant, il-Ministru Caruana spjegat ukoll kif wara li kienet ħarġet statistika dwar studenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, liema statistika kienet uriet lil Malta fl-aħħar post, ġie nnotat illi l-mod li bih tinħadem l-istatistika ma kienx qed juri l-istampa reali.
Fil-fatt wara diskussjonijiet li kienu saru biex isir l-aġġustament meħtieġ, Malta ħadet dak li verament jixirqilha.
Hija sostniet: “Issa llum-il ġurnata, il-pożizzjoni li kellna tejjibniha ħafna u tlajna sa 12.6% meta l-benchmark huwa 10%.”
Minkejja l-progress li qed issir fl-edukazzjoni, permezz tal-ħidma u l-investimenti, il-Ministru Caruana saħqet li l-ħidma trid tkompli ssir biex taġġusta għaż-żminijiet, filwaqt li ħadd ma jitħalla barra mis-sistema edukattiva.
Għalhekk waħda mill-istrateġiji tindirizza direttament l-problema tal-istudenti li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien.
Il-Ministru Caruana temmet tgħid: “Sakemm jibqa’ student jew studenta li joħroġ mis-sistema edukattiva tagħna mingħajr kwalifiki jew mingħajr ħiliet ifisser li rridu naħdmu ħafna aktar biex nolqtu l-bżonnijiet u l-ħtiġijiet ta’ kulħadd.”