Min jagħmel il-politika fil-pandemija jrid jimxi fuq il-fatti. Dik hija lezzjoni li ħarġet mill-pandemija.
Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li għalaq l-ewwel attività tal-Partit Laburista bħala parti mill-konferenza bit-tema “Inġeddu Malta Flimkien”.
Chris Fearne qal li l-pandemija wriet li meta nimxu fuq il-fatti mix-xjenza, nirnexxu u bl-istess mod dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet iridu jimxu fuq il-fatti.
Saħaq li t-tagħlimiet tal-pandemija jridu jsejsu d-deċiżjonijiet li jittieħdu li jiffurmaw il-futur ta’ pajjiżna.
Qal li attivitajiet simili ta’ snin ilu, kienu jkunu mimlija retorika u ċapċip, imma tal-lum rat diskussjoni matura dwar diversi aspetti fis-soċjetà, u tat iktar importanza lir-riżultati milli lir-retorika.
Qal, “Illum ħadt pjaċir nisma’ aspetti differenti tas-soċjetà, tfal, anzjani, nies li xellfu diffrejhom mal-liġi, nies bi bżonnijiet speċjali, ħaddiema, employers – imma tkellimna wkoll b’mod tekniku u xjentifiku fejn ir-riżultati huma iżjed importanti mir-retorika. Din hija l-politika li rridu nagħmlu għall-futur. Dan huwa l-Partit Laburista li jrid ikollna fil-futur.”
Fl-istess attività tkellem Stefan Cutajar, li jaħdem fil-Ministeru tal-Akkomodazzjoni Soċjali.
Huwa rrikonoxxa li saru sforzi qawwija biex finalment Malta jkollha strateġija koerenti kontra l-faqar u qal li l-istat m’għandux jibża’ jintervjeni bħala msieħeb soċjali sħiħ kull meta s-suq ma jasalx.
Spjega, “Għandna fostna realtajiet ġodda li huma internazzjonali, multikulturali, intersezzjonali u fuq kollox eteroġeni. Ejjew nibnu pontijiet ġodda ma’ minoranzi f’dan il-pajjiż li għadhom jiġu esklużi mill-parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà tagħna. Ejjew inkomplu niddistingwu ruħna bħala pajjiż inklussiv, tolleranti u progressiv.”
L-ekonomista Jessica Camilleri tkellmet dwar il-prosperità, xi ħaġa li fi kliemha għandha tiddefinixxi l-futur li rridu għall-ekonomija ta’ pajjiżna.
Qalet li rridu nibqgħu niżguraw li s-sistema edukattiva tirrifletti x-xejriet ekonomiċi f’pajjiżna.
Qalet, “Il-mistoqsija issa hi, kif se nimxu ’l quddiem? X’ekonomija u soċjetà nixtiequ għal Malta fil-futur? Hawnhekk ir-risposta mhix waħda sempliċi però jiena naħseb li hemm kelma li tiddefinixxi dan il-kunċett kollu, dik ta’ prosperità.”
Il-Perit David Xuereb, li mhux ġej minn sfond politiku, tkellem fit-tul fuq it-tibdil fil-klima u l-bżonn li nkunu sostenibbli f’din l-isfida.
Qal li rridu nkunu kuraġġużi biex nagħmlu l-bidliet meħtieġa f’kull settur, u semma l-importanza tal-kollaborazzjoni.
Innota l-viżjoni ambizzjuża tal-Gvern biex jindirizza din l-isfida, imma saħaq li huwa biss bis-sehem tagħna lkoll li din il-viżjoni tista’ titwettaq fil-prattika.
Qal, “Irridu nkunu ambizzjużi, responsabbli u kollha rridu nkunu kontabbli. Mhux il-politiċi biss, aħna, jiena, l-individwu komuni, irridu nkunu kontabbli allura l-kuraġġ, il-motivazzjoni, li nkunu ffukati fuq din id-direzzjoni, inkunu konvinti u rridu nifhmu li hemm urġenza.”
Intant, fl-ewwel attività ta’ din il-konferenza, għamlu wkoll bosta interventi dawk preżenti.
Fost l-oħrajn, il-Kummissarju tat-Tfal Pauline Miceli ssuġġeriet li l-Ministeri kollha għandhom ikollhom rappreżentanza tat-tfal għaliex iċ-ċkejknin għandhom ikollhom vuċi b’saħħitha f’kull settur tal-ħajja.
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja saħaq fuq il-bżonn li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jiġu mħarsa filwaqt li kull ħaddiem ikollu dritt għall-ħin tal-mistrieħ wara l-ħin tax-xogħol.