Simonds Farsons Cisk plc irreġistrat sena oħra ta’ profitti u tkabbir sod.
Id-dħul tal-Grupp għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 Jannar 2017 laħaq €88 miljun, li s’issa qatt ma kien intlaħaq qabel. Dan jirrappreżenta żieda marġinali ta’ 2% fuq ir-riżultati rekord tas-sena finanzjarja ta’ qabel.
Barra minn hekk, il-qligħ għas-sena laħaq €12-il miljun. Dan ifisser żieda ta’ €900,000 jew żieda ta’ 8% meta mqabbel mas-sena preċedenti.
Madwar il-Grupp kollu kienet irreġistrata prestazzjoni b’saħħitha għas-sena li għaddiet u din kienet fuq diversi livelli. Dan seħħ minħabba diversi fatturi favorevoli fosthom, it-tkabbir fl-ekonomija, għażla aktar wiesa’ ta’ birer li kienet possibbli wara investiment fi prodotti ġodda tal-birra u fil-packaging, flimkien ma’ prestazzjoni aħjar tas-sussidjarji tal-Grupp.
Dawn ir-riżultati pożittivi huma aktar notevoli meta tqis li d-deprezzament żdied wara l-investitment li sar fil-faċilità l-ġdida tal-birra. Min-naħa l-oħra, l-attenzjoni kontinwa fuq l-obeżità u l-konsum inqas taz-zokkor, flimkien ma’ taxxi miżjuda, kellhom impatt fuq l-konsum tas-soft drinks.
Ic-Chairman tal-Grupp Louis Farrugia qal: “Is-sena l-oħra bdejna noperaw faċilità ġdida u mill-aktar avvanzata għall-packaging tal-birra. Issa, il-kumpanija tinsab f’pożizzjoni ferm aħjar biex issegwi l-pjani ta’ tkabbir li għandna permezz tal-istrateġija tal-esportazzjoni tagħna.”