Il-Partit Laburista rebaħ l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2024, b’maġġoranza ta’ kważi 118,000 vot, bi 8,454 vot iżjed mill-Partit Nazzjonalista.
Dan ħareġ minn ċifri uffiċjali mill-Kummissjoni Elettorali, li ħarġu l-Ħadd filgħaxija, wara li spiċċa l-għadd kollu lokali u anke dawk f’elezzjonijiet simili tal-Parlament Ewropew madwar is-sebgħa u għoxrin stat membru fl-Unjoni Ewropea.
Miċ-ċifri tal-Kummissjoni Elettorali f’pajjiżna joħroġ rebbieħ il-Partit Laburista b’117,805 voti tal-ewwel preferenza, waqt li l-Partit Nazzjonalista ġab 109,351 vot.
ELEZZJONI PARLAMENT EWROPEW – 8 TA’ ĠUNJU 2024
PARTIT LABURISTA: 117,805
PARTIT NAZZJONALISTA: 109,351
+ 8,454
Dan b’distakk qawwi wkoll mill-partiti l-oħrajn kollha, kif mistenni. Minn dawn, l-aħjar li mar kien dak tal-lemin estrem, Imperium Europa, li kkontestaw f’ismu l-Kap tiegħu Norman Lowell u Terrence Portelli.
Flimkien ingħataw ftit inqas minn sebat elef vot tal-ewwel preferenza, segwiti mill-partit tal-Ħodor, l-ADPD, bil-Kap tiegħu Sandra Gauci u tliet kandidati oħrajn jaqbżu bi ftit it-tlett elef vot.
ELEZZJONI PARLAMENT EWROPEW – 8 TA’ ĠUNJU 2024
IMPERIUM EUROPA: 6,816
ADPD: 3,109
ABBA: 527
VOLT MALTA: 298
Riżultati aħjar ġew irreġistrati fost il-kandidati indipendenti, li gawdew l-iżjed minn fuq il-partiti l-kbar. Bejniethom, it-tlettax-il kandidat ġabru total ta’ tnejn u għoxrin elf, tliet mija u tnejn u ħamsin vot tal-ewwel preferenza.
Ewlenin fost dawn kienu l-kandidati Arnold Cassola b’iżjed minn tnax-il elf vot u Conrad Borg Manchè, li flimkien assorbew tlieta u tmenin fil-mija ta’ dawn il-voti lill-indipendenti.
ELEZZJONI PARLAMENT EWROPEW – 8 TA’ ĠUNJU 2024
ARNOLD CASSOLA: 12,706
CONRAD BORG MANCHÈ: 5,936
INDIPENDENTI F’DAQQA: 22,352